Is-sena l-oħra irbaħt il-borża ta’ studju SIPARJU sabiex inkopri xi spejjes relatati ma’ studju li se jwassal għal dottorat mill-Università ta’ Malta. L-istudju huwa fl-Istudji tat-Teatru fi ħdan id-Dipartiment ta l-Istujdu tat-Teatru fil-Iskola tal-Performance Art fl-Universita’.
Il-premessa principali ta’ dan huwa li nfittex kif għib it-teatrin. Sabiex nasal għal dan, qed nagħmel analiżi taż-żminjiet bejn l-1935 u l-1965. Qiegħed nipprova nikkontribwixxi lejn din-mikrostorja għax naf li dawn iż-żminijiet huma kemmxejn imdellija. Fis-sens li ma tantx nafu x’ġara u x’ma ġarax. Filwaqt li għandi għal qalbi suġġetti oħra, din il-biċċa minn ħajti għall-ħames snin li ġejjin se tkun iddedikata għal din l-istorja.
F’din is-sensiela ta’ kitbiet qosra se nipprova niftaħ ftit il-‘blinds’ u inħalli ftit dawl jidħol fuq dawn l-iħirsa tal-passat li qed niskopri ġo kaxxi mimlijin karti. Iħirsa li qed nieħu gost inġibhom lura fil-present sabiex nifhem kif u x’fatta d-dinja tat-teatru f’Malta hi kif nafuwha illum. Wieħed ma’ jistax jgħaraf il-pass li jmiss, u biex tkun taf fejn sejjer tajjeb tkun taf minn fejn ġej.
F’din il-mikro-sensiela se nagħti xi data l’hemm u l’hawn u nevoka xi ħares mill-passat. Se nipprova nagħmel waħda fix-xahar u nabbinaha ma’ data mill-passat tax-xahar li inkunu fih. Nispera li tieħdu pjaċir bihom.
Malta 23 ta’ Jannar 1948. Sitta u sebgħin sena ilu, il-gvern Laburista ta’ Pawlu Boffa rebaħ l-elezzjoni ta’ l-1947. L-ewwel zewġ iħirsa li nixtieq nistieden f’dan l-ispazju huma Pawlu Boffa u Gino Muscat Azzopardi.
Pawlu Boffa bħala l-ewwel priminstru Malti li xtaq (jew kellu) jiftaħ il-fajl ‘National Theatre’. Dan kien żmien interessanti mmens f’Malta u kif jikteb Marco Galea, kien żmien fejn il-Maltin għamlu ħilithom kollha sabiex jieħdu post jew l-ispazju tal-kolonjaturi fil-kamp kulturali. Kien żmien fejn il-premessa tal-Indipendenza ħeġġet lill-Maltin sabiex ikebbsu n-nar għal identita’ ġdida, dik Maltija.
Gino Muscat Azzoppardi min-naħa l-oħra jispiċċa jagħti sehem enormi fil-lambitu tat-teatru Nazzjonali u dak Malti minħabba li dan spiċċa jservi ta’ Chairman fuq diversi kumitati maħturin mill-gvern (Laburista) fir-rigward tat-twaqqif ta’ teatru nazzjonali.
Dawn iż-żewġ persuni (irġiel, għax dan kien żmien fejn il-mara kienet għada kif ġabet permess tivvota bħar-raġel) nista’ inpoġġihom fil-pedamenti tal-mikro-storja tat-twaqqif ta’ teatru Nazzjonali li jħares lejn il-Maltin.
Din l-ittra oriġinali ta’ Muscat Azzoppardi li sibt fil-fajl tal-Prim Ministru ġewwa l-arkivji għandħa ħafna xi tgħid. Ħa nsemmi ħaġa waħda biss: minbarra li huwa ovvju li Muscat Azzoppardi kellu ċerta kunfidenza mall-Prim Ministru, din hija waħda mill-ftit ittri miktuba bil-Malti. Dan juri biċ-ċar il-ħġar ta’ Muscat Azzoppardi għall-Malti. Kien infatti l-gvern Laburista li beda’ jipproponi l-użu tal-Malti f’dan iż-żmien. In-Nazzjonalisti kienu għadhom b’xi mod jew ieħor interessati fl-Italja u fit-Taljan.